News

Attività vokazzjonali għall-istudenti tal-Forms 4 u 5

IMG_5843Il-ħajja tkun sabiħa meta kull wieħed minna jaqsam id-doni u l-esperjenzi tiegħu mal-oħrajn.  Dan jgħodd b’mod speċjali għad-don tal-vokazzjoni. Is-Seminarju u s-seminaristi minn żmien għal żmien jorganizzaw attivitajiet vokazzjonali li permezz tagħhom joħolqu ambjent fejn ikun jista’ jsir dan it-tip ta’ sharing.

Nhar it-Tlieta 29 ta’ Frar filgħaxija s-seminaristi stiednu lill-istudenti tal-Forms 4 u 5 biex jinġabru fis-Seminarju.  Wara li huma ngħaqdu mal-komunità ġie organizzat mument ċkejken ta’ talb f’ambjent differenti mis-soltu.  Is-silta tal-Vanġelu li mexxiet l-attività kienet is-sejħa tal-ewwel dixxipli (Lq 5,1-11).  Is-seminarista Daniel Mercieca qasam xi ħsibijiet fuq din is-silta u wara s-seminarista Andrew Grima qasam l-esperjenza vokazzjonali tiegħu.  Wara li sar mument ta’ Adorazzjoni Ewkaristika, dawk kollha preżenti marru jieklu flimkien.  Kulħadd ħareġ kuntent bl-ikel li ħejjiet il-kċina tas-Seminarju!  Fi tmiem l-ikla, l-istudenti flimkien mas-seminaristi lagħbu flimkien il-logħba Werewolves.  Dan kien mument ta’ mistrieħ għall-istudenti, li bħalissa għadhom kif temmew l-eżamijiet tagħhom!

 

Ritratti

Share it on