Nhar il-Ħamis, 20 ta’ Frar ġiet organizzata attività għall-membri tal-gruppi tal-vokazzjonijiet minn form 5 il-fuq. L-attività bdiet b’mumenti ta’ talb u adorazzjoni flimkien mas-seminaristi fil-Kappella. Wara kienu mistiedna biex jingħaqdu mas-seminaristi għall-ikel. L-attività intemmet b’logħob futbol fil-gym tas-Seminarju, fejn l-istudenti u s-seminaristi kellhom ukoll iċ-ċans li jitkellmu u jsiru jafu aħjar lil xulxin.
Intant nhar is-Sibt, 22 ta’ Frar, fis-Seminarju ġiet organizzata attivita’ għall-istudenti minn Forms 2 sa 5 li huma membri fil-gruppi tal-Abbatini u tal-Vokazzjonijiet.
L-attivita’ bdiet b’laqgħa mmexxija mis-seminaristi bit-tema tkun ‘Il-maħfra u l-imħabba ta’ Alla’. F’din il-laqgħa s-seminaristi ppruvaw juru lil dawn l-istudenti l-mod ta’ kif Alla jħobb lill-bniedem u kif il-bniedem hu msejjaħ biex fir-relazzjoni tiegħu mal-oħrajn ikun lest li jaħfer u jħobb lill-oħrajn fuq l-eżempju ta’ Kristu.
L-attivita’ imbagħad kompliet b’mument qasir ta’ Adorazzjoni quddiem Ġesu’ Sagramentat li saret fil-kappella ta’ fuq tas-Seminarju Maġġuri. Il-laqgħa ntemmet bi ftit ħin ta’ rikreazzjoni fejn l-istudenti kellhom iċ-ċans li jsiru jafu aħjar lil xulxin kif ukoll li jiltaqgħu mas-seminaristi waqt li jieklu xi ħaġa u jilgħabu xi logħba futbol fil-bitħa tas-Seminarju.