Nhar it-Tlieta 12 ta’ Marzu s-seminaristi stiednu lill-istudenti tal-grupp tal-vokazzjonijiet tal-Forms 4 u 5 għal mument flimkien fis-Seminarju. Dan il-mument beda billi s-seminaristi u l-istudenti nġabru fil-kamerata, il-post fejn hemm il-kmamar tas-seminaristi. Peress li ninsabu fiż-żmien tar-Randan, is-seminaristi ħadu ħsieb jippreparaw ambjent ta’ talb madwar il-kurċifiss li hemm f’dan il-post ċentrali fis-Seminarju. Il-viċi-rettur Dun Gabriel beda b’riflessjoni dwar x’għandu jfisser għaż-żagħżugħ iż-żmien tar-Randan. Qal li r-riflessjoni fuq in-nuqqasijiet tagħna m’għandhiex l-iskop li tnikkitna, imma hija l-ewwel pass biex nikbru u niżviluppaw f’adulti maturi. Wara ntalbet it-talba tal-Via Sagra fejn saru riflessjonijiet applikati għall-ħajja tagħna llum. Dan il-mument ta’ talb intemm bil-barka sagramentali. Wara kulħadd niżel fir-refettorju għall-ikel. Wara l-ikel, l-istudenti għenu lis-seminaristi fil-ħasil tal-platti. L-aħħar parti tal-attività kienet partita futbol fil-gym tas-Seminarju.