Nhar id-19 ta’ Marzu, is-seminaristi u diversi studenti universitarji u tas-sixth form flimkien mad-direttur tal-vokazzjonijiet Dun Michael Curmi, approfittaw mill-btala pubblika sabiex jorganizzaw sports day għall-abbatini kollha t’Għawdex. Din l-attività li kienet mifruxa mid-9am sas-2pm ġiet organizzata fil-gym ta’ ħdejn is-seminarju, u għaliha attendew xejn inqas minn 120 abbati, kważi minn kull parroċċa u knisja fejn hemm l-abbatini. L-isports day bdiet b’riflessjoni qasira minn Dun Michael Curmi. Imbagħad ingħata bidu għal serje ta’ logħob bejn l-erba’ timijiet differenti li fihom kienu mqassmin dawk kollha li ħadu sehem. Kien hemm ukoll wirja ta’ skills tal-futbol mill-plejer Għawdxi Chris Camilleri. Fl-aħħar tal-attività, ingħatat tifkira f’forma ta’ midalja lit-tfal u lill-parteċipanti kollha.