Fil-jiem li għaddew, bi tħejjija għaċ-ċelebrazzjoni tal-150 sena anniversarju mit-twaqqif tas-Seminarju, is-seminaristi ħejjew feature bl-isem: 150 Sena Seminarju: L-Istorja Tagħna. Dan sar bil-għan li titqajjem iktar kuxjenza vokazzjonali fost iż-żgħażagħ. Skop ieħor kien dak li s-Seminarju tagħna jasal ukoll għand dawk in-nies li f’ħajjithom qatt ma kellhom iċ-ċans jiġu f’kuntatt ma’ din ir-realtà.
Fl-aħħar ġimgħat, qabel id-dokumentarju, dehru erba’ filmati qosra fuq il-Paġna Uffiċjali tal-Facebook tas-Seminarju Maġġuri ta’ Għawdex (SacredHeartSeminaryGozo). L-għan tagħhom kien li juru l-wiċċ uman tas-saċerdoti tagħna. Hu interessanti li s-saċerdoti kollha intervistati huma wħud mis-600 saċerdot li ħarġu mis-Seminarju tal-Qalb ta’ Ġesù minn meta ġie mwaqqaf 150 sena ilu.