Nhar l-4 ta’ Novembru sebħet ġurnata ferm importanti għalina u għas-Seminarju tagħna – il-150 anniversarju mill-ftuħ tas-Seminarju tagħna. Il-ġurnata tista’ tgħid kienet maqsuma fi tlitt mumenti mportanti. L-ewwel mument kien il-Pontifikal immexxi mill-Isqof Mario Grech fil-Katidral sabiex jitfakkar dan il-jum tant għażiż u bħala ringrazzjament lil Alla ta’ dawn is-snin kollha. Preżenti għal din il-quddiesa kien hemm, uħud mill-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż flimkien mal-istudenti kollha tal-iskola tas-Seminarju Minuri. Waqt l-omelija l-Isqof saħaq fuq l-importanza li aħna nagħrfu li għal Alla kollox hu possibli. Wara, fis-Seminarju tagħna inżamm pranzu għall-qassisin kollha fejn lejn it-tmiem l-Isqof ikkomunika lil dawk preżenti xi nomini ġodda fi ħdan id-djoċesi tagħna. Filgħaxija saret adorazzjoni speċjali fil-kamerata jiġifieri fil-post fejn jgħixu s-seminaristi li għaliha kienu mistednin speċjali l-istudenti l-kbar tal-gruppi tal-vokazzjonijet, l-ġenituri tagħna u anke l-benefatturi tas-Seminarju tagħna.